OPINJONI TA’ REMENDA GRECH, KANDIDATA FUQ IL-ĦAMES DISTRETT
Ma kontx qed infittex li nidħol fil-politika. Imma l-esperjenzi li għext, in-nies li ltqajt magħhom, u r-realtajiet li rajt mill-qrib wassluni biex nistaqsi mistoqsija waħda: nista’ nagħmel aktar? U t-tweġiba għaliha kienet iva.
Il-mixja politika tiegħi bdiet bl-attiviżmu mill-età ta’ 16-il sena, fejn kont attiva fil-midja, fuq ir-radju u t-televiżjoni. Hemmhekk, fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, tgħallimt kif inwassal il-messaġġ b’mod ċar u effettiv, imma aktar minn hekk, tgħallimt nisma’. Nisma’ lin-nies, nifhem l-istejjer tagħhom, u nagħraf minn xiex verament jimpurtahom.
Imma l-aktar esperjenza li sawritni biex inkun qrib in-nies kienet dik fis-social work. Hawrhekk, il-valuri ta’ ġustizzja soċjali u l-empatija saru l-pedament ta’ kull deċiżjoni li nieħu. Imxejt il-vjaġġ ma’ persuni vulnerabbli, rajt ir-realtajiet iebsa tagħhom, u fhimt kemm hu kruċjali li jkun hemm min jitkellem għalihom meta huma ma jistgħux. Dawn huma n-nies li rrid nibqa’ nagħti vuċi – mhux biss b’diskors sabih, imma b’ħidma konkreta li tagħmel differenza fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum.
Tul is-snin, ħdimt taħt diversi amministrazzjonijiet u rajt kif jinbidlu l-prijoritajiet. Imma qatt daqs dawn l-aħħar snin ma rajt impenn reali u riżultati konkreti favur min hu fil-bżonn. Taħt Gvern Laburista, pajjiżna bena ekonomija b’saħħitha li ma ħalliet lil ħadd barra. Inħolqu eluf ta’ impjiegi, tjiebu l-pensjonijiet, u s-servizzi soċjali ġew imsaħħa b’mod li tassew jagħmel differenza fil-ħajja tan-nies.
Għalija, is-soċjaliżmu mhuwiex biss prinċipju fuq il-karta. Huwa realtà li rajt b’għajnejja f’dawn l-aħħar 13-il sena. Malta li tikber ekonomikament, imma fl-istess ħin tibqa’ tieħu ħsieb lil min hu vulnerabbli u lil min għandu bżonn aktar sapport. Dan huwa l-pajjiż li rrid inkompli nibni fuqu.
Ħafna jafu kemm għal dawn l-aħħar 21 sena ħdimt b’qalbi kollha fis-settur tal-protezzjoni tat-tfal. Din mhix sempliċiment karriera għalija – hija vokazzjoni. F’dan il-vjaġġ twil u intens, qatt ma rajt diverġenzi jew differenzi bejn każ u ieħor; rajt biss tifel jew tifla li għandhom bżonn l-għajnuna. Qatt ma ħarist lejn ismijiet, sfondi jew ċirkostanzi – dejjem ħarist biss lejn wiċċ it-tifel jew tifla quddiemi, li kienu jeħtieġu sostenn, sigurtà u protezzjoni.
Din l-esperjenza ma ħallitnix biss b’għarfien, imma b’sens qawwi ta’ responsabbiltà li naġixxi. Kont parti minn ħidma konkreta li wasslet għall-introduzzjoni u t-tisħiħ tal-liġijiet tal-protezzjoni tat-tfal f’pajjiżna, kif ukoll diversi emendi oħra relatati li komplew isaħħu s-sistema ta’ sapport u intervent. Dawn ma kinux biss bidliet fuq il-karta – kienu passi reali biex niżguraw li kull tifel u tifla jkollhom aktar protezzjoni, aktar vuċi u aktar opportunitajiet għal futur aħjar.
Din hija l-esperjenza li qed inġib miegħi fil-politika: esperjenza mibnija fuq realtajiet, fuq stejjer veri u fuq impenn li qatt ma ċeda quddiem diffikultajiet. Għax għalija, il-ħidma favur it-tfal mhix kapitlu magħluq – hija missjoni li rrid inkompli nsaħħaħ b’determinazzjoni u b’konvinzjoni sħiħa.
Għalhekk, l-għażla tiegħi li nemmen fil-Partit Laburista kienet waħda naturali. U naturali wkoll kienet id-deċiżjoni tiegħi li naċċetta l-istedina tal-Prim Ministru biex noħroġ għall-elezzjoni. Din mhix sempliċiment pass personali, hija responsabbiltà kbira li qed nieħu bis-serjetà kollha.
Qed nidħol fil-politika b’għan ċar: li nkun vuċi b’esperjenza reali, li nkompli nsaħħah il-valuri ta’ solidarjetà, ġustizzja u opportunità. Nemmen f’Malta fejn kulħadd għandu ċans jirnexxi, fejn ħadd ma jitħalla lura, u fejn il-politika tibqa’ għodda biex ittejjeb il-ħajja tan-nies.
Illum, aktar minn qatt qabel, nemmen li nista’ nagħmel differenza. U għalhekk qed nagħżel li nagħti sehmi, b’determinazzjoni, b’passjoni, u b’impenn sħiħ lejn pajjiżi u lejn il-poplu Malti u Għawdxi.